Event Details

Politika Ewropea favur aktar kwalità fil-produzzjoni agrikola

24 February 2014

Nhar it-Tnejn 24 ta’ Frar, is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali organizza seminar konsultattiv dwar il-politika ta’ kwalità għall-prodott agrikolu Malti. Għal din l-attività attendew fost l-oħrajn is-Segretarju Parlamentari għall-Agikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, u s-Segretarju Ġenerali tal-Istitut Mediterran tal-Agronomija f’Bari, Dott. Cosimo Lacirignola. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li ġiet diskussa hija, ‘Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi’. (COM (2013) 812)

Il-Proposta tagħraf il-fatt li l-kompetittività tas-settur agrikolu Ewropew tiddependi mill-abilità tagħha li tkabbar is-sehem tagħha fis-swieq dinjin. Tant hu hekk li llum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta 18% tal-esportazzjonijiet agrikoli li jsiru madwar id-dinja.

Matul il-laqgħa saret referenza għall-mod kif matul dawn l-aħħar snin il-kompetizzjoni fis-settur agrikolu żdiedet minn kompetituri ġodda madwar id-dinja, l-aktar mill-Indja u mill-Brażil. Ir-rappreżentanti tal-bdiewa preżenti ġew imħeġġa sabiex, bħat-tibdil fil-Politika Agrikola Komuni (PAK), jagħrfu aktar l-importanza tal-esportazzjoni lejn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Il-Proposta tippreżenta strateġija kif il-prodott agrikolu Ewropew ikun wieħed b’valur miżjud, u allura b’opportunità li jiġi rreklamat aħjar. Titkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar informazzjoni fuq il-ġenwinità tal-prodott Ewropew, speċjalment sabiex tikber l-esportazzjoni lejn żoni terzi li jinsabu ‘l barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kumissjoni Ewropea qed tisħaq li bħala parti mir-riforma tal-PAK, l-Istati Membri għandhom jirsistu sabiex jagħtu aktar importanza lid-diversità fil-produzzjoni agrikola tal-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni l-Proposta tipproponi t-twaqqif ta’ servizzi ġodda li joffru għajnuna teknika lill-bdiewa li jkunu mħajra jinvestu f’inizjattivi ta’ promozzjoni u informazzjoni dwar il-prodotti tagħhom.

Dawk preżenti laqgħu b’mod pożittiv it-tiġdid fil-politika agrikola tal-Unjoni Ewropea u wrew ix-xewqat tagħhom li l-prodotti agrikoli esportati minn Malta jibbenefikaw minn rikonoxximent professjonali ta’ kwalità fuq livell Ewropew.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Galdes appella biex il-produtturi Maltin jisfruttaw dawn l-ideat sabiex mhux biss ikunu kapaċi jibqgħu kompetittivi, iżda wkoll sabiex itejbu l-prodott tagħhom kemm għall-konsumaturi lokali u kif ukoll għall-eluf ta’ turisti li jżuru pajjiżna.

 


Dokumenti

 

Ritratt