Event Details

Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi

18 October 2012

Il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) flimkien mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) organizzaw laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. L-għan ta’ dan il-Pjan hu li jgħin fit-tnaqqis tar-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Permezz tat-tfassil ta’ dan il-Pjan, Malta ser tkun qed tilħaq wieħed mill-obbligli stipulati fid-Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas ta’ azzjoni għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Din id-Direttiva ġiet trasposta fil-Liġi Maltija permezz tal-Avviż Legali 489 tal-2011.

L-iskop ta’ din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien li jinġabru opinjonijiet mingħand dawk involuti, jew interessati f’dan is-settur qabel ma dan il-pjan jiġi ffinalizzat. Dawn inkludu entitajiet governattivi, dawk li jużaw il-pestiċidi, bejjiegħa tal-pestiċidi, dawk li jagħtu servizzi ta’ pariri lill-bdiewa, organizzazzjonijiet tal-produtturi, koperattivi, għaqdiet mhux governattivi u partijiet oħra interessati.

Il-laqgħa saret nhar il-Ħamis, 18 ta’ Ottubru 2012, fis-Sala tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

 

Dokumenti

 

Gallery