Forum Malta fl-Ewropa
Home | Logon     

Signing of Cooperation Agreement between MEUSAC and Local Councils

Il-MEUSAC ilu għal dawn l-aħħar xhur jgħin lill-kunsilli lokali, kif ukoll lill-għaqdiet mhux governattivi permezz ta’ assistenza prattika u diretta fil-mili tal-applikazzjoni għall-proġetti taħt il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan minbarra l-għajnuna li ilha tingħata permezz ta’ attivitajiet immirati biex jagħtu informazzjoni dwar id-diversi programmi ta’ fondi tal-UE.

 

Permezz tal-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-MEUSAC u tlettax-il Kunsill Lokali,  il-MEUSAC ifformalizza u kompla jikkonkretizza l-għajnuna li qed jagħti lill-Kunsilli Lokali.  Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Dott. Chris Said, waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar li fiha ħadu sehem ukoll rappreżentanti mit-13-il Kunsill Lokali. 

 

Il-ftehim iffirmat illum jorbot lill-MEUSAC b’ assistenza lill-Kunsilli Lokali fl-għażla u l-ippjanar tal-proposti għall-proġetti, fl-għażla tal-aktar programmi adekwati, fil-preprazzjoni tal-applikazzjoni, kif ukoll li jassenja persuna mill-MEUSAC li jkollha rwol ta’kuntatt personali mal-kunsill lokali partikolari.  Min-naħa tagħhom, il-kunsilli lokali qed jikkommettu ruħhom li jieħdu sehem f’taħriġ ta’ Project Management u jipparteċipaw f’attivitajiet tal-MEUSAC jew entitajiet oħra rigward materji tal-Unjoni Ewropea.

 

Dott. Said tenna li ċ-ċerimonja tal-lum hija holqa fis-serje ta’ inizjattivi li s-Segretarjat qed iwettaq flimkien mal-MEUSAC.  Huwa semma t-tnedija ta’ fond ta’ ko-finanzjament għall-proġetti li jkunu se jwettqu l-Kunsilli Lokali permezz ta’ programmi ta’ fondi tal-UE.  Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-kunsilli lokali jimmassimizzaw il-potenzjal li jeżisti f’dan il-qasam, tant li l-Gvern ikkommetta ruħu li joffri assistenza finanzjarja billi alloka s-somma ta’ €303,000 għall-fond ta’ ko-finanzjament lill- kunsill lokali.  S’issa total ta’ 34 kunsill lokali bbenefika minn €1.8 miljun f’fondi tal-UE f’ ħames snin.   Il-Gvern qed jimmira li din is-sena din iċ-ċifra tirdoppja għal €3.3 miljun. 

 

Dott. Said tenna li s-servizz tal-MEUSAC għandu jintuża mill-kunsilli lokali biex naslu għal lokalitajiet sostenibbli fil-qasam ekonomiku, socjali u ambjentali.  Huwa qal li l-UE tisħaq dwar l-importanza tas-sostenibbilità u ħeġġeġ lir-rappeżentanti tal-kunsilli lokali biex ifasslu proġetti għar-riġenerazzjoni urbana, fost oħrajn.

 

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, enfasizza li dan huwa ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-MEUSAC u l-kunsilli lokali, għaliex kemm il-MEUSAC u kemm il-kunsilli lokali jistgħu jassistu lil xulxin b’mod reċiproku.  Dott. Xuereb qal li l-MEUSAC qed jinvesti fil-kunsilli lokali u fiċ-ċittadini li jirrpareżentaw biex ikunu jistgħu jintlaħqu riżultati tanġibbli u qal li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu ambaxxaturi li jinkoraġġixxu lill-għaqdiet mhux govenattivi fil-lokalità tagħhom, kif ukoll Kunsilli Lokali oħra, jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-programmi ta’ fondi tal-UE u mill-għajnuna li joffri l-MEUSAC. 

 

Is-Sinjorina Maria Schembri, responsabbli mit-Taqsima li toffri għajnuna dwar il-Fondi tal-UE fi ħdan il-MEUSAC, faħħret l-inizjattiva li qed jieħdu l-Kunsilli Lokali u l-viżjoni tagħhom għal proġetti finanzjati mill-UE.  Hija saħqet li l-MEUSAC u l-kunsill lokali għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u qalet li l-MEUSAC qed kull ma jmur jimmira li jagħti l-aħjar servizz possibbli u effiċjenti. 

 

Saru wkoll interventi mir-rappreżentanti ta’ tliet kunsilli lokali: ta’ Ħal-Kirkop, ta’ San Pawl il-Baħar u tal-Għasri, li qasmu l-esperjenza u l-ideat tagħhom fl-ambitu ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.  It-tliet rappreżentanti tkellmu wkoll dwar l-għajnuna li qed jingħataw mill-MEUSAC. Il-Kunsill Lokali tal-Għasri jixtieq iwettaq proġett ambjentali għall-għolja tal-Ġordan u r-restawr tal-fanal tal-Ġordan kif ukoll ġemellaġġ mar-raħal ta’ Ottenschlag fl-Awstrija.  Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Kirkop, permezz tal-assistenza tal-MEUSAC, se jwettaq skambju ta’ żgħażagħ li għalih ħa ftit inqas minn €20,000 mill-Programm tal-UE Youth in Action.  Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl-il Baħar se jwettaq ġemellaġġ mal-belt Griega ta’ Agios Pavlos.

 

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb mas-Sindki, jew rappreżentanti tal-kunsilli lokali ta’ Pembroke, l-Imqabba, Marsascala, l-Għasri, il-Birgu, iż-Żebbuġ (Għawdex), San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, Ħal-Kirkop, l-Isla, San Ġiljan, l-Imsida, u l-Għarb.

Gallery

<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
  
Content Disclaimer - Accessibility Statement - Privacy Statement - Copyright Notice