Forum Malta fl-Ewropa
Home | Logon     

MEUSAC Core Group Meeting - 29.05.09

Il-Core Group tal-MEUSAC reġa’ ltaqa’ fid-29 ta’ Mejju, 2009.  Fil-laqgħa ħa sehem ukoll l-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u Sajd, Dott. Joe Borg.

 

Dott. Borg għamel preżentazzjoni lill-membri tal-Core Group dwar il-ħidma tiegħu.  Huwa qal li l-politika addottata minnu hija waħda li tinvolvi lill-partijiet kollha involuti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ kumitati reġjonali li fihom hemm rappreżentati sajjieda, xjentisti, ambjentalisti, kif ukoll rappreżentanti tat-trejd unjins.  Il-Kummissarju saħaq li l-Kummissjoni Ewropea addottat politika marittima mmaniġjata b’mod sostennibli. Iktar kmieni din is-sena tnieda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd li huwa mistenni jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ din is-sena u li għandu jwassal għal politika mmaniġjata mir-reġjuni differenti skont l-għanijiet miftehma mal-Kummissjoni.

 

Dwar il-Politika Marittima Integrata, Dott. Borg qal li l-Kummissjoni ħarġet bi pjan ta’ ħidma maqsum fuq diversi livelli: b’linji gwida dwar l-igvernar fuq livelli differenti li jinvolvu lill-Istati Membri u partijiet oħra li għandhom sehem; għodda li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-politika marittima permezz ta’ mezzi ta’ sorveljanza aħjar, bħal proġett pilota fil-Mediterran għal sorveljanza marittima; ippjanar aħjar tal-arja tal-baħar għal użu multiplu, bħal per eżempju waqt li jkun salvagwardjat l-operat tas-sajd ikun hemm żvilupp ieħor tal-istess arja għal użu ta’ trasport bil-baħar jew offshore energy, fost l-oħrajn; kif ukoll l-iżvilupp ta’ iktar riċerka fl-aspetti settorjali kollha biex ikun studjat l-impatt u l-potenzjal fuq, u għal, setturi oħra marittimi. 

 

Dott. Borg qal ukoll li l-Pjan ta’ ħidma għall-Baħar Mediterran għandu jkun konkluż sas-sena d-dieħla.  Dott. Borg saħaq li l-Politika Marittima Integrata għall-Mediterran mhux se tkun żviluppata biss għall-Pajjiżi Membri tal-UE iżda wkoll għall-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran bħal ma huma dawk tal-Afrika ta’ Fuq. 

 

Dott. Borg tkellem ukoll dwar id-dritt esklussiv tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi liġijiet ġodda għall-UE, kif ukoll dwar ir-rwol tal-Kummissjoni biex tiżgura l-ħarsien tal-liġijiet u t-Trattati tal-UE, u dwar ir-relazzjoni bejn il-Kummissarju u l-pajjiż minn fejn ikun ġej.

 

Il-Membri tal-Core Group qajjmu diversi punti fost dawn:

  • Kif se tintlaqat il-Politika Komuni tas-Sajd bis-sħubija tal-Iżlanda kif ukoll dwar kif l-Politika Komuni tas-Sajd tista’ tiġi ntegrata ma’ pajjiżi terzi;
  • Is-sistema tal-penali għas-sajjieda li jwettqu reati;
  • L-inizjattiva “Motorways of the Sea”;
  • Il-jedd tal-Kummissjoni Ewropea fuq proġetti li jkunu se jiġu mplimentati mill-Gvern fiż-żoni tal-portijiet;
  • Il-kriterji li bihom jinħadmu l-kwoti tas-sajd;
  • Il-bnadar ta’ konvenjenza (flags of convenience),
  • L-immaniġġjar taż-żoni kostali (coastal management).

Dwar is-sħubija tal-Iżlanda, il-Kummissarju Borg semma li malli l-Iżlanda tapplika, jibda l-proċess li jwassal biex il-Kummissjoni tagħti l-Opinjoni tagħha. Dan jista’ ikun lest sal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li ġej meta jiġi deċiż jekk jinfetħux in-negozjati mal-Iżlanda.  Huwa qal l-Iżlanda mhiex ħa jkollha eżenzjoni (opt-out) mill-Politika Komuni tas-Sajd iżda jista’ jkollha arranġamenti speċjali kif għandha Malta. 

 

Dwar il-Motorways of the Sea”, Dott. Borg qal li għaddejja ħidma biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar diversi punti fosthom ix-short-sea shipping u dwar il-ħlas tat-taxxa fuq l-enerġija fil-portijiet.  Aspetti oħrajn huma l-isforzi biex jintuża iktar trasport mill-baħar.  Hemm determinazzjoni wkoll biex jiġi żviluppat il-kunċett ta’ ‘green engine’ għall-vapuri, li s’issa jidher li ntlaqa’ tajjeb mill-industrija tal-cruise liners. 

 

Il-Kummissarju Borg stqarr li l-Mediterran huwa l-inqas baħar li għandu kwoti għas-sajd meta mqabbel ma’ ibħra oħra.  Fil-fatt l-uniċi kwoti għall-Mediterran huma fuq it-tonn u l-pixxispad minħabba kwistjonijiet ta’ sostennibiltà.  Dott. Borg spjega li dawn il-kwoti jiġu maqbula fl-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT).  Huwa qal li l-Kummissjoni għandha Pjan ta’ Rkupru għat-tonn u kull pajjiż għandu kwota li jrid iżomm magħha, inkluż il-pajjiżi tal-Meditteran li mhumiex membri tal-UE. 

 

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex jiġu eliminati bnadar ta’ konvenjenza għall-vapuri li jtajjru bandiera ta’ xi Stat Membru, u jingħataw lill-ħaddiema l-istess drittijiet li għandhom ħaddiema li jaħdmu fuq l-art.  Dott. Borg tenna li l-Kummissjoni se taħdem id f’id mal-International Maritime Organisation (IMO) biex dawn il-prinċipji jidħlu b’mod gradatt fuq bnadar oħra ta’ pajjiżi terzi. 

 

Il-laqgħa li jmiss tal-Core Group se ssir nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju, 2009.

Gallery

<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
  
Content Disclaimer - Accessibility Statement - Privacy Statement - Copyright Notice