Forum Malta fl-Ewropa
Home | Logon     

Ir-rwol tal-Kunsilli Lokali fil-harsien tal-wirt kulturali

“Niżbaljaw jekk naħsbu li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna jinsab biss fil-mużewijiet tagħna, jew inkella li jappartjeni biss għall-gvern ċentrali jew għaqdiet prominenti. Ħafna drabi forsi ninsew li l-parti l-kbira tal-wirt kulturali u naturali – palazzi u djar antiki li jinsabu fl-irħula tagħna; kapelli, fortifikazzjonijiet, cart-ruts, oqbra Puniċi – kollha jinsabu ġewwa l-konfini ta’ xi lokalità jew oħra. Aktar minn ħaddieħor, il-kunsilli lokali għandhom ikunu protagonisti fil-ħarsien u l-użu tajjeb ta’ dawn ir-riżorsi li huma tant importanti għall-pajjiż u l-gwardjani ta’ dan il-pajsaġġ kulturali uniku.”

 

Dan qalu Dr Chris Said, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, waqt seminar organizzat għall-kunsilli lokali li tratta l-wirt Kulturali u l-Att ta’ Kurazija - guardianship deeds.

 

Il-kunsilli lokali jistgħu jsiru msħieba ewlenin fl-objettivi tal-pajjiż billi huma stess jieħdu f’idejhom responsabbiltà ta’ wirt li wara kollox għandu jkun adottat minn komunitajiet lokali, kompla Chris Said.

 

Jekk komunitajiet lokali ma jħossux ċertu ‘ownership’ tal-wirt kulturali u tal-ambjent tagħhom, dawn ser jibqgħu aljenati minn dawn ir-riżorsi tant importanti, b’konsegwenza li tiżdied il-ħsara lill-istess patrimonju. Fuq kollox jekk komunitajiet lokali ma jagħtux kontribut f’dan is-settur ibati l-pajjiż kollu.

 

Is-Segretarju Parlamentari għamel referenza għall-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002 (CAP.445) - qafas importanti li fiħ għandhom jaħdmu l-kunsilli lokali. Minn dan l-att joħorġu zewġ inizjattivi ewlenin:

  • Il-kompilazzjoni tal-inventarju nazzjonali
  • L-att ta’ kurazija dwar siti storiċi u arkeoloġiċi

L-inventarju huwa għodda li permezz tagħha nsiru nafu aktar x’għandna fil-pajjiż, u allura x’inhu ta’ valur. L-Att ta’ Kurazija, li huwa parti mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, għandu l-għan illi permezz tiegħu Kunsilli Lokali u NGOs jieħdu f’idejhom proprjetajiet b’kundizzjonijiet speċjali bil-potenzjal li ċerti siti jintużaw b’mod aktar xieraq u kompatibbli man-natura tal-wirt, għal skopijiet turistiċi u edukattivi.

 

It-tiġdid tal-Kunsilli Lokali qed jindirizza dan l-ambitu ta’ kurazija anke fil-policy dwar il-gvern lokali, għax il-gvern jemmen li l-kunsilli lokali huma istituzzjoniijiet maturi biżżejjed biex jieħdu ħsieb oqsma nazzjonali.

 

Chris Said ħeġġeġ lil kull kunsill lokali biex jaħdem politika dwar il-wirt kulturali u naturali billi:

  • Ifassal management plan mibni fuq informazzjoni dettaljata dwar ir-riżorsi kulturali u naturali fil-lokalità;
  • Isir inventarju protettiv mibni fuq standards nazzjonali maħruġa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali;
  • Tinbeda strateġija ta’ Guardianship Deeds;
  • Tinbena rabta mill-qrib bejn kunsilli lokali u skejjel tal-lokal dwar inizjattivi kulturali fil-lokal.

Dan is-seminar ġie indirizzat ukoll mill-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici, Chairman tal-Kumitat tal-Garanzija, minn Dr Anthony Pace, Suprentendent tal-Wirt Kulturali, mis-Sur Albert Mamo, Kummissarju tal-Artijiet, mis-Sur Kenneth Gambin minn Heritage Malta, Michael Cohen, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, u Dr Vanni Xuereb, Kap tal-Malta-EU Steering and Action Commitee (MEUSAC). 

Programme

Gallery

<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
  
Content Disclaimer - Accessibility Statement - Privacy Statement - Copyright Notice