Forum Malta fl-Ewropa
Home | Logon     

MEUSAC Core Group Meeting - 24.07.09

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret fl-24 ta’ Lulju, ġie diskuss il-Programm tal-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-ħidma tal-Parlament Ewropew fil-leġislatura l-ġdida. F’din il-laqgħa ħadu sehem erbgħa mill-ħames membri Maltin fil-PE kif ukoll is-Sur Joseph Cuschieri.


Il-Presidenza Svediża

Il-preżentazzjoni tal-Programm tal-Presidenza saret mis-Sur Joseph Cole, Direttur Generali-Designate, Affarijiet Ekonomici u Ewropej fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.  Huwa spjega l-isfidi li għandha quddiema l-Presidenza fis-sitt xhur li ġejjin, fost dawn:

  • Qbil dwar kif il-pajjiżi għandhom jindirizzaw il-bidla fil-klima u jkomplu jaħdmu fuq dak li nbeda mill-Protokoll ta’ Kyoto;
  • ir-riżorsi marittimi u l-forniment tal-enerġija permezz ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija;
  • koperazzjoni fil-qasam tal-energija ma’ pajjiżi terzi;
  • il-kriżi finanzjarja u miżuri għal stimoli ekonomiċi;
  • it-tiġdid tal-Istrateġija ta’ Liżbona u aktar investiment fir-rizorsi umani li jwasslu għal suq aktar kompettitiv li jilqa’ għal sfidi ġodda barranin;
  • programm strateġiku li jikkumplimenta il-Programm tal-Aja (The Hague Programme);
  • titkattar kuxjenza mal-Ewropej dwar ir-relazzjoni li teżisti bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp;
  • it-tkabbir tal-UE partikolarment l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Iżlanda u l-proċess ta’ negozjar mal-Kroazja u l-Albanija u tisħiħ tal-European Security and Defence Policy;
  • ir-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona u tibdil estensiv fl-istituzzjonijiet Ewropej.  

Il-Membri tal-Core Group qajjmu diversi punti, fosthom:

  • l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi;
  • l-implikazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża fuq ir-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona;
  • il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar in-negozjati għas-sħubija tat-Turkija fl-UE;
  • kif qed taffetwa lil Malta il-European Security and Defence Policy;
  • il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-Excessive Deficit Proċedure b’mod partikolari;
  • il-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-Energija fil-kuntest tal-Programm tal-Presidenza;
  • il-burden sharing volontarju u kemm dan qed ikun ta’ suċċess.

Is-Sur Cole stqarr li l-Presidenza se ġġedded strategija biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi u biex tkabbar il-kompetittività globali tal-UE.  Qal ukoll li qed isiru sforzi minn Malta biex l-UE tħares lejn l-Afrika għal sorsi alternattivi ta’ produzzjoni tal-Enerġija li jikkumplimentaw is-sorsi ta’ enerġija eżistenti. Huwa qal li l-Gvern Malti qed jaħdem biex Malta tingħata r-responsabbilta tal-European Asylum Support Office.  Semma’ wkoll kif anke l-Islovakkja se tgħin lil Malta billi aċċettat li tieħu immigranti illegali minn Malta.


Diskussjoni mal-Membri tal-PE

Il-ħames Membri tal-PE flimkien mas-Sur Joseph Cuschieri kienu mistiedna għal-laqgħa tal-lum u flimkien mal-Membri tal-Core Group iddiskuttew il-ħidma tal-Parlament Ewropew għal-leġislatura 2004–2009 kif ukoll il-ħidma tagħhom fil-PE. Il-MPE tkellmu dwar il-bżonn li tissaħħaħ ir-relazzjoni tagħhom mal-Core Group u mal-MEUSAC. Tkellmu wkoll dwar il-ħidma tagħhom fi ħdan il-kumitati tal-PE li huma membri tagħhom.


Il-MPE David Casa semma’ l-importanza li jittieħdu miżuri stretti li jissalvagwardjaw l-ambjent iżda li ma jxekklux l-iżvilupp ekonomiku.


Il-MPE Simon Busuttil qal li jekk ikun irratifikat it-Trattat ta’ Liżbona l-PE se jkollu poteri leġislattivi tista’ tgħid daqs il-Kunsill tal-Ministri, u għalhekk l-importanza li l-MPE jkunu jafu x’inhi l-pożizzjoni tal-membri tal-Core Group dwar dak li jkun qed jiġi propost.  Huwa semma’ li r-rappreżentanti Maltin fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkordinaw aħjar il-ħidma tagħhom flimkien. Semma bħala eżempju kif jista’ jsir fil-lobbying biex il-European Asylum Support Office jitwaqqaf f’Malta. Hu qal li waqt laqgħa mal-Kummissarju Barrot, il-Kummissjoni ħabbret li f’Settembru li ġej ħa tippubblika proġett pilota għal burden sharing immirat speċifikament għal Malta. 


Il-MPE Louis Grech qal li għandu jkun hemm regolamentazzjoni serja li tipproteġi l-konsumatur waqt li tenna li Malta għandha tibda tipprepara minn issa għall-baġit ta’ wara l-2013 u x’jista’ isir dwar il-klassifikazzjoni ta’ Malta bħala reġjun Objective 1.  Huwa semma’ li iktar milli ngħidu x’inhuma l-prijoritajiet għandna nagħtu definizzjoni ċara ta’ kif se nilħqu l-prijoritajiet u li l-UE għandha turi iktar li jimpurtaha miċ-ċittadin.


Il-MPE Edward Scicluna semma’ rapport dwar l-Euro u dak annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew waqt li saħaq dwar l-importanza li Malta tingħata żmien itwal biex tnaqqas id-defiċit.


Is-Sur Joseph Cuscheri semma l-pożizzjoni tiegħu bħala runner up fl-elezzjonijiet tas-6 ta’ Ġunju li għadda u l-proċess biex eventwalment, meta jintemm il-proċess ta’ ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona, jieħu postu bħala MPE.


Il-Membri tal-Core Group qajjmu diversi punti.  Ilkoll qablu li għandu jinstab metodu kif id-djalogu bejn il-MEUSAC u l-MPE jsir wieħed iktar regolari u strutturat. Issemma’ wkoll kif għandu jkun hemm mezz kif ir-rappreżentanti Maltin fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u dawk fil-Kumitat tar-Reġjuni jkunu parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti u mas-soċjetà ċivili.

Gallery

<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
<i>Photo courtesy of DOI</i>
Photo courtesy of DOI
  
Content Disclaimer - Accessibility Statement - Privacy Statement - Copyright Notice