Fuq l-aġenda wkoll Konsultazzjoni Pubblika tal-KE dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju
Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret fit-30 ta’ Ottubru, ġew diskussi r-Rapporti approvati mill-Kumitat tal-Impjiegi dwar sorveljanza u analiżi tal-politika dwar il-flessigurtà u dwar Gwidi ta’ Impjieg għall-2009. Saret ukoll preżentazzjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-Baġit Ġenerali tal-UE wara sejħa mill-Kummissjoni Ewropea għal Konsultazzjoni Pubblika.
Rapporti tal-Kumitat tal-Impjiegi dwar sorveljanza u analiżi tal-politika dwar il-flessigurtà u dwar Gwidi ta’ Impjieg għall-2009: indikaturi għas-sorveljanza u analiżi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma 2009
Dawn ir-Rapporti tressqu quddiem il-Core Group fuq talba ta’ membru wara li l-Kumitat Settorjali tal-MEUSAC għax-Xogħol, il-Politika Soċjali u s-Saħħa ddiskuta l-istess rapporti f’laqgħa li saret fid-19 ta’ Settembru 2009.
Is-Sur Julian Micallef, Aġent Kap responsabbli mill-Konsultazzjoni fi ħdan il-MEUSAC, ippreżenta dawn ir-Rapporti u spjega kif dawn jibnu fuq il-qbil li kien intlaħaq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-2007, jiġifieri li l-politika dwar il-flessigurtà għandha tiġi implimentata fuq erba’ temi:
-
Arranġamenti kuntrattwali flessibbli u ta’ min jorbot fuqhom
-
Tagħlim komprensiv tul il-ħajja
-
Active labour market policies effettivi
-
Sistemi moderni ta’ sigurtà soċjali
Is-Sur Joe Sciberras, Segretarju Amministrattiv tal-Kumitat Settorjali, semma l-punti ewlenin li ħarġu mill-laqgħa tal-Kumitat Settorjali.
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll uffiċjali mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport. Dott. Noel Vella, Direttur Industrial and Employment Relations, spjega kif il-flessigurtà ma tnaqqasx id-drittijiet tal-ħaddiema.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Dott. Godwin Grima spjega r-rwol tal-Gvern bħala entità li tħaddem il-persuni u semma kif persuna li tkun laħqet l-età tal-pensjoni għandha l-opportunità li tibqa’ taħdem b’riżultat ta’ miżuri li ġew introdotti riċentament. Stqarr li l-Gvern qed jipprova jsib impjieg alternattiv għal dawk li jkun wasslu biex jirtiraw iżda li juru x-xewqa li jixtiequ jibqgħu jaħdmu. Dott. Grima semma l-obbligu li jsir “skills profile” tal-ħaddiema kollha f’kull settur sal-aħħar tas-sena 2010.
B’mod ġenerali l-Membri tal-Core Group qajjmu diversi punti, fosthom li:
-
Hemm bżonn ta’ iktar djalogu bejn il-unjins, minn jimpjega u l-Gvern biex ikun hemm għarfien aħjar tal-kunċett ta’ relazzjonijiet industrijali. Dan iwassal għal iktar fiduċja bejn il-partijiet konċernati u biex id-djalogu soċjali ikun iktar pro-attiv.
-
Għandu jkun hemm kampanji ta’informazzjoni li jgħallmu lill-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol tal-ġenituri, u dwar iċ-child care centres.
-
Il-kumpaniji jridu jkunu iktar kompettitivi billi jħaddnu proċessi u servizzi innovattivi, u jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema.
-
Il-kunċett tal-flexitime jiġi applikat sakemm hu possibbli kif ukoll jiddaħħal il-kunċett tal-banking of hours.
-
Il-kunċett ta’ job for life jinbidel għal wieħed ta’ employment for life.
-
Jkun hemm policies attivi tas-suq tax-xogħol (active labour market policies) għal nisa li jkunu jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol fosthom bl-introduzzjoni ta’ servizzi għall-kura tat-tfal wara l-ħin tal-iskola (after-school services), u ħinijiet taċ-childcare centres li jkunu kompattibli mal-ħin tax-xogħol taż-żewġ ġenituri.
-
Jiġu ntrodotti inizjattivi fil-kura tat-tfal permezz ta’ private-public partnerships.
-
Jinħolqu iktar inċentivi għall-flessibilità u teleworking.
-
Jeżistu diffikultajiet biex intrapriżi li jkunu żagħr ħafna japplikaw il-kunċett tal-flexitime.
-
Hemm diffikultajiet biex intrapriżi jħaddmu impjegati b’kuntratti indefiniti u mhux definiti fuq proġetti speċifiċi.
-
Għandu jkun hemm iktar gwida għal iktar impjegabilità (employability), speċjlament għaż-żgħażagħ li m’għandhomx livelli akkademiċi tajbin.
Konsultazzjoni Pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju għall-Budget Ġenerali tal-UE
Is-Sur Julian Micallef ta preżentazzjoni tat-temi li qed tkopri l-konsultazzjoni pubblika, b’relevanza partikulari għal benefiċċjarji ta’ fondi Ewropej, organizzazzjonijiet mhux governattivi u entitajiet privati. Ir-Regolament Finanzjarju jistabillixxi r-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Is-Sur Micallef qal li l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid mistennija li ssir f’nofs is-sena d-dieħla. Huwa semma diversi punti, fosthom jekk għandux ikun hemm regoli aktar flessibli għall-ko-finanzjament, jekk ir-regoli għandhomx jippermettu għall-ispejjeż li għandhom jiġu koperti skond ir-riżultati mistennija, jekk għandux ikun hemm l-użu ta’ rati fissi jew li tingħata s-somma tal-finanzjament kollha f’daqqa. Is-Sur Micallef ħeġġeġ lill-Membri biex jgħaddu l-veduti tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea sat-18 ta’ Diċembru 2009. Il-konsultazzjoni hija miftuħa għal ċittadini, organizzazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment li hu responsabbli mit-tfassil tal-pożizzjoni li Malta se tieħu eventwalment dwar il-Proposta tal-Kummissjoni meta din tintbagħat lill-Istati Membri.