Nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru saret laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC mal-Prim Ministru, Dott. Lawrence Gonzi.
Fid-diskors tiegħu lill-membri, il-Prim Ministru qal li l-MEUSAC twaqqaf mill-ġdid u ngħata tliet funzjonijiet ewlenin: l-informazzjoni, il-konsultazzjoni, u l-għajnuna dwar il-fondi tal-UE. Il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza li l- poplu jkun infurmat dwar l-Unjoni Ewropea u dwar kif din għandha impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Huwa qal li r-regoli tal-Unjoni Ewropea mħaddma tajjeb ifissru investiment f’pajjiżna, opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema, opportunitajiet edukattivi, drittijiet għall-konsumatur u standards ambjentali.
Fejn tidħol il-konsultazzjoni, Dott. Gonzi saħaq li l-MEUSAC, flimkien mal-MCESD, huma fora importanti f’pajjiżna li fihom hemm rappreżentanza wiesgħa li tiġbor lill-ħaddiema, lil min iħaddem, lis-soċjetà ċivili, lil għaqdiet mhux governattivi u lill-partiti, li, flimkien mal-Gvern, huma msieħba fl-iżvilupp ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru saħaq li permezz tal-MEUSAC u tal-MCESD, il-Gvern għandu l-opportunità li jisma’ u jitkellem mas-soċjetà ċivili. Tenna li permezz ta’ din l-għodda, il-Gvern qed iħaddem mekkaniżmu wiesa’ ta’ konsultazzjoni li jwassal biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar. Permezz tal-MEUSAC l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili qed jingħataw vuċi b’saħħitha fit-tfassil tal-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfera Ewropea.
Il-Prim Ministru semma wkoll it-tielet għan li għalih twaqqaf il-MEUSAC: dak li jgħin fl-opportunitajiet ta’ fondi li toffri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li f’għaxar xhur il-MEUSAC għen b’suċċess lil 125 organizzazzjoni biex dawn jibbenefikaw minn fondi li jammontaw għal aktar minn €3 miljun għal proġetti li permezz tagħhom il-parteċipanti jiżviluppaw it-talenti, il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom f’Malta u f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dott. Gonzi qal li l-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-MEUSAC li jkompli jixpruna lis-soċjetà ċivili kif ukoll lill-kunsilli lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi għall-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna u għal tkattir ta’ impjiegi. Semma kif il-Fond speċjali biex jgħin fil-ko-finanzjament tal-programmi tal-Unjoni Ewropea għall-kunsilli lokali din is-sena, se jiżdied għal €500,000 fl-2010, waqt li ġie wkoll introdott fond ta’ ko-finanzjament għall-għaqdiet mhux governattivi ta’ €280,000.
Wara d-diskors tal-Prim Ministru saru diversi interventi mill-Membri tal-Core Group, fejn fost oħrajn, issemma:
-
it-Trattat ta’ Liżbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u rabta ikbar bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali;
-
il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni;
-
il-kriżi finanzjarja u ekonomika, u d-dħul tal-Euro;
-
il-ħatriet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà;
-
is-sehem tar-rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;
-
il-qasam ambjentali u edukattiv u kif dawn jinfluenzaw is-settur tax-xogħol;
-
kif se titħaddem il-Klawżola ta’ solidarjetà introdotta bit-Trattat ta’ Liżbona.
Meta kien qed iwieġeb għall-interventi, il-Prim Ministru fisser is-sodisfazzjon tiegħu li Malta poġġiet l-immigrazzjoni irregolari fuq quddiem nett tal-aġenda tal-UE. Semma li fil-konżlużjonijiet tal-aħħar żewġ laqgħat tal-Kunsill Ewropew, Malta issemmiet b’mod ċar fil-kuntest tal-proġett pilota għar-riallokazzjoni, fuq bażi volontarja, ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali preżenti f'Malta.
Dwar it-Trattat ta’ Liżbona, Dott. Gonzi qal li dan huwa għodda importanti li se jgħin lill-UE biex taħdem aħjar f’kuntesti ġodda u bil-possibiltà li l-Unjoni tkompli tikber. Dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, Dott. Gonzi qal li l-pożizzjoni ta’ Malta favur dejjem kienet ċara. Meta kien qed jikkumenta dwar il-ħatriet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Prim Ministru saħaq li l-persuni magħżula għandhom diversi sfidi quddiemhom, kemm biex joħorġu lill-UE mill-kriżi finanzjarja u ekonomika kif ukoll minħabba t-twettiq tat-Trattat ta’ Liżbona u l-proċess ta’ tranżizzjoni biex jibdew jitħaddmu r-regoli l-ġodda.
Il-Prim Ministru sostna li tliet fatturi prinċipali kienu strumentali biex pajjiżna ma ħassx daqstant l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika: id-dħul ta’ Malta fiż-żona Euro, il-fatt li l-poplu Malti jaf jikkalkula r-riskji, kif ukoll is-sensittività tal-imsieħba soċjali għad-deċiżjonijiet tal-Gvern.
Dott. Gonzi semma l-importanza tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Ministri (Jannar - Ġunju 2010) għal pajjiżna, sew minħabba l-fatt li Spanja wkoll hi pajjiż Mediterranju, kif ukoll għax bħalna tifhem l-importanza ta’ azzjoni dwar l-immigrazzjoni.
Dwar il-qasam ambjentali qal li l-UE qegħda fuq quddiem bi proposti konkreti u f’Kopenhagen trid tikkonvinċi lill-Istati Membri biex jitfassal dokument li jorbot legalment il-pajjiżi kollha. Sal-2020, kompla Dott. Gonzi, pajjiżna wkoll irid jilħaq ċertu miri f’dan il-qasam, fost dawn iridu jiġu użati sorsi ta’ enerġija alternattiva. Il-Prim Ministru stqarr ukoll li dawn il-miżuri huma relatati wkoll mal-kompetittività ta’ pajjiżna.
Dott. Gonzi kkonkluda billi qal li jemmen li l-UE hija mibnija fuq il-valuri umani u li f’isem Malta dejjem jisħaq fuq dawn il-valuri f’fora Eworpej. Temm billi rringrazzja lill-membri tal-Core Group għal ħidma siewja tagħhom.
Il-laqgħa tal-Core Group kienet ippreseduta mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Dott. Chris Said.