Forum Malta fl-Ewropa
Home | Logon     

Imniedi l-Pjan ta’ Komunikazzjoni għall-2010 bejn il-Gvern, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew

Waqt attivita ta’ camping ta’ jumejn għall-familji fil-Mellieħa, kien imniedi uffiċjalment il-Pjan ta’ Komunikazzjoni għall-2010 taħt is-Sħubija ta’ Ġestjoni (Management Partnership) bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea. F’Marzu tas-sena l-oħra, il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw Delegation Agreement li permess tiegħu l-MEUSAC inħatar bħala Intermediary Body fit-tmexxijja tal-Pjan Konġunt ta’ Komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bejn il-Gvern Malti, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

 

It-tnediha saret waqt attività ta’ camping għall-familji li qed issir fil-Mellieħa bħalissa bħala parti mill-Pjan ta’ Komunikazzjoni għas-sena 2009. L-għan tal-camping huwa t-titjieb fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u dwar temi ambjentali. Għaldaqstant, waqt il-camping se jsiru diskussjonijiet dwar it-tibdil tal-klima u l-ambjent, u dwar il-politika li addottat l-UE biex tissalvagwardja u tipproteġi l-ambjent. Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika Dott. Chris Said, li żar il-familji u l-parteċipanti f’din l-attività kmieni s-Sibt wara nofsinhar, qal li “Din l-attività għandha toħloq kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali u l-bidla fil-klima.” Huwa rringrazzja lill-MEUSAC għal din l-ewwel sena ta’ ħidma biex iġib l-UE eqreb lejn iċ-ċittadini Maltin permezz tad-diversi inizjativi li qed ikunu organizzati.

 

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, qal li l-inizjattivi kollha li ġew organizzati s’issa  kienu milqugħa tajjeb ħafna. Huwa qal li s-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi huwa l-kollaborazzjoni kontinwa bejn il-MEUSAC, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f Malta li għandhom l-istess għan: dak li jwasslu informazzjoni dwar l-UE.

 

L-Aġent Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta William Martin tenna li: “Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea hija sodisfatta bil-ħidma mal-MEUSAC għaliex jidher biċ-ċar li l-MEUSAC huwa sieħeb eċċellenti li permezz tiegħu qed jirnexxilna nwasslu informazzjoni dwar l-UE.  Dan it-tagħrif qed nwassluh ukoll permezz ta’ metodi innovattivi, kif jixhed il-kampeġġ tal-lum.”  Huwa saħaq li l-għan tal-Kummissjoni Ewropea hu li tersaq viċin taċ-ċittadini Ewropej u tinfurmahom dwar il-ħidma tagħha fl-oqsma varji li jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bħall-irkupru ekonomiku, il-bidla fil-klima, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-innovazzjoni.  Bill Martin qal li din is-sena l-proġett se jiffoka fuq aktar għarfien dwar il-ġlieda kontra l-faqar u esklużjoni soċjali. “Nittama li l-rispons tal-pubbliku jkun daqstnat pożittiv daqskemm kien f’din is-sena ta’ koperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC”, temm jgħid Bill Martin.

 

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dott. Julian Vassallo qal li l-Unjoni Ewropea assigurat għall-popli tagħha standard ta’ ħarsien ambjentali ogħla minn dak ta’ kontinenti oħra.  Tenna li l-kuxjenza ambjentali saret element importanti tal-identità Ewropea tant li din il-ġimgħa thabbar li l-Ewropa se taqbeż il-miri proposti għall-użu ta’ enerġija li tiġġedded turi li l-UE tassew qed tħaddem politika ambjentali effettiva. Huwa qal li jidher biċ-ċar li l-politika tal-UE mhix biss kliem fieraħ.  “Għaldaqstant il-messaġġ li nixtiequ nwasslu permezz ta’ din l-attività huwa li l-UE qiegħda tieħu passi konkreti biex tassew tissalvagwardja l-ambjent.  M’għandix dubju li din l-attività se tgħina wkoll napprezzaw il-wirt naturali Malti”, saħaq Dott. Vassallo.

 

Din l-inizjattiva hija waħda minn sensiela ta’ proġetti mifruxa fuq erba’ snin u li se jiswew mat-€800,000.  Il-Pjan għal din is-sena se jiffoka fuq it-tema tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. Għaldaqstant waħda mill-attivitajiet għal din is-sena se tkun l-organizzazzjoni ta’ sensiela ta’ workshops li permezz tagħhom persuni li għal xi raġuni huma esklużi mis-soċjetà flimkien ma’ artisti se jwasslu għarfien dwar l-esklużjoni soċjali u l-faqar.  Se tittella’ eżibizjoni tax-xogħolijiet artistiċi kif ukoll se jkun ippubblikat katalgu.

 

Fix-xhur li ġejjin se titnieda d-DVD “Tommy u Rosy” għat-tfal li għandhom bejn 9 u 14-il sena u li se titqassam fl-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex kif ukoll pubblikazzjoni dwar l-istess cartoon, u European Citizens Toolkit li se tuża t-teknologija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex twassal informazzjoni dwar l-UE liċ-ċittadini permezz ta’ online quizzes u logħob, kif ukoll online publications li wieħed ikun jista’ jaċċessa permezz tat-telefon ċellulari.

Gallery

<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
<i>Photos courtesy of DOI</i>
Photos courtesy of DOI
  
Content Disclaimer - Accessibility Statement - Privacy Statement - Copyright Notice