News Details

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC

17 April 2017

Azzjoni tal-UE kontra l-kummerċ illegali tad-drogi

 

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 17.04.17

 

Is-suq illegali tad-drogi fid-dinja kien u jibqa’ wieħed mill-ikbar theddidiet għas-soċjetà minħabba li d-domanda qawwija għad-drogi żżid il-possibiltajiet ta’ kriminalità taħt diversi forom u riskji għas-saħħa fost l-oħrajn. Direttament jew indirettament, it-teħid illegali tad-droga jaffettwa l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ persuni u l-familji tagħhom, mhux l-inqas fl-Ewropa. Fil-fatt, minn rapport li ħareġ iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ u d-Dipendenza fuq id-Droga fl-2016 huwa stmat li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) qed jonfqu aktar minn €24 biljun fis-sena fuq drogi illeċiti. Din is-somma xokkanti tagħmel dan is-settur wieħed mill-iktar li jiġġenera profitti għall-kriminalità organizzata fil-kontinent Ewropew.

 

F’analiżi dettaljata tat-tipi prinċipali ta’ droga kkunsmata fl-UE ħareġ biċ-ċar il-bżonn għal aktar ħidma li trid issir fuq livelli differenti, fosthom il-prevenzjoni, il-qbid tat-traffikar illlegali tad-drogi u l-kura jew ir-rijabilitazzjoni għall-fejqan mill-vizzju tad-drogi. Il-kokaina, pereżempju, hija l-iktar stimulant illegali li jintuża, b’suq li huwa stmat li jiġġenera minn tal-inqas €5.7 biljun fis-sena. It-tkabbir tal-koka, il-pjanta li minnha tiġi prodotta l-kokaina, jidher li kiber ħafna fl-aħħar snin għalkemm, minħabba n-natura illegali tal-produzzjoni tagħha,  għad hemm inċertezza dwar kemm huma l-kwantitajiet ta’ kokaina u fejn qed tiġi prodotta. L-eroina, id-droga li tikkawża persentaġġ għoli ħafna ta’ mwiet relatati mad-droga, tiġġenera mas-€6.8 biljun fis-sena fis-swieq Ewropej. Wara li kien hemm perjodu ta’ tnaqqis ta’ produzzjoni tal-eroina, jidher li fl-aħħar snin żdiedet id-disponibbiltà ta’ din id-droga minn pajjiżi barra mill-UE.

 

Ir-Rapport taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ u d-Dipendenza fuq id-Droga kkonferma wkoll kemm l-azzjoni koordinata bejn l-Istati Membri, bħal f’ħafna setturi oħrajn, tista’ tagħmel differenza fil-ġlieda kontra l-kummerċ tad-drogi illegali fuq livell Ewropew. Ir-Rapport jagħti numru ta’ rakkomandazzjonijiet u punti li fuqhom tista’ tittieħed azzjoni fosthom biex titnaqqas ir-rata għolja u li dejjem qiegħda tiżdied ta’ mard li jittieħed mid-demm, speċjalment il-firxa tal-virus tal-Epatite Ċ fost dawk li jinjettaw id-drogi u kif ukoll iż-żieda ta’ riskji fit-tixrid ta’ infezzjonijiet ta’ HIV u mard ieħor relatat. L-għan ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet hu li jservu ta’ qafas li fuqu jistgħu jinbnew u jiġu mfassla politiki u inizjattivi fil-futur.

 

Għalkemm fil-ġlieda kontra d-droga l-Istati Membri huma responsabbli biex jieħdu l-azzjonijiet li jaraw xierqa fil-ġlieda kontra d-droga, huwa essenzjali li ssir ħidma koordinata biex jingħaqdu l-isforzi ta’ kull Stat Membru u b’hekk jinkisbu riżultati iktar effettivi. F’dan ir-rigward fil-fatt, l-UE fasslet Strateġija dwar id-Droga (2013-2020) u Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Droga (2013-2016). Dawn jipprovdu valur miżjud lill-isforzi tal-Istati Membri individwali billi stabilixxew punt tat-tluq komuni għall-UE kollha flimkien ma’ proċess ta’ bini tal-kunsens għall-politika dwar id-drogi. Il-ħsieb wara l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi tfasslu biex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar marbuta mat-traffikar u t-teħid tad-drogi illegali fl-UE billi jikkumplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE. Il‑Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE wkoll se tkompli l‑ħidma fuq l‑implimentazzjoni tal‑Istrateġija tal‑UE dwar id‑Drogi 2013‑2020.

 

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Droga tinkludi metodi ġodda li ġew identifikati fl-aħħar snin sabiex jiġu indirizzati sfidi ġodda fis-settur. Id-dinamika fis-swieq tad-drogi illegali, inkluż iċ-ċaqliq tar-rotot tal-ittraffikar tad-drogi, il-kriminalità organizzata mal-konfini tal-UE u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni bħala mezzi li jiffaċilitaw it-tqassim tad-drogi madwar l-UE, huma kollha sfidi li diffiċli jiġu kontrollati. Huwa fatt magħruf li l-attività kriminali toħloq sfidi kbar lil kull pajjiż biex jikkontrollaha. Għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra d-droga hija waħda mill-kisbiet pożittivi tal-Unjoni. Il-fatt li l-ġlieda kontra d-droga tiġi koordinata u mhux tħalli l-Istati Membri jaqdfu għal rashom, huwa wieħed mill-ħafna oqsma fejn l-aspett ta’ solidarjetà fl-UE jitwettaq fil-prattika.

 

L-UE, bil-għan li ssaħħaħ dak li hemm imniżżel fl-Istrateġija, taħdem viċin filwaqt li tagħti s-sapport tagħha lill-attivitajiet li huma mmexxija mill-Europol (l-organizzazzjoni tal-pulizija Ewropea li tassisti lill-Istati Membri kollha fil-ġlieda kontra l-kriminalità) u liċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ u d-Dipendenza fuq id-Droga.

 

Barra minn hekk hemm erba’ programmi ta’ fondi tal-UE, mill-2014 sal-2020, li jipprovdu għajnuna finanzjarja speċifikament għall-proġetti relatati ma’ droga. Dan il-finanzjament għandu jgħin fl-implimentar tal-għanijiet tal-Istrateġija u t-trawwim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE.

 

B’dawn il-modi jistgħu jintlaħqu b’modi iktar realistiċi l-għanijiet ta’ din l-Istrateġija, jiġifieri li tikkontribwixxi għal tnaqqis li jista’ jitkejjel fid-domanda għad-drogi, tad-dipendenza fuq id-drogi u ta’ riskji u l-ħsara għas-saħħa u s-soċjetà relatati mad-droga.